Ejja Nagħmlu Kejk: Esperjenzi ta’ Tagħlim

This lesson was contributed by:

Tania Mangion

This lesson is for:

Lesson Duration:

45 mins.

What should you expect from this lesson?

It-tfal mhux biss iħobbu jisimgħu l-istejjer u jieħdu sehem f'attivitajiet relevanti, imma jitgħallmu ħafna meta jitkellmu fuq esperjenzi li għaddew minnhom.

Print this lesson

Press the button to print this lesson

Share on print
Print

How to carry out this lesson at home:

Rakkomandazzjonijiet għall-ġenituri/gwardjani:

1. Tajjeb li tkunu qrajtu l-opportunita’ qabel, biex tilħqu tippreparaw dak li jista’ jkun
hemm bżonn minn qabel.
2. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma miktuba sabiex, filwaqt li tieħdu gost tqattgħu ħin
mat-tfal tagħkom, issiru tafu lit-tfal aħjar u tieħdu sehem fl-iżvilupp sħiħ tagħhom.
Dawn l-opportunitajiet huma magħżula biex jinvolvu t-tfal, joffru opportunitajiet ta’
taħriġ ħolistiku, jiġifieri, kemm intelletwali (kunċetti matematiċi, żvilupp tal-lingwa,
xjenza) fiżiku, emozzjonali, spiritwali/etiku u soċjali.
3. Dan mhux programm riġidu li bil-fors irrid isir f’ħin stipulat. Il-ħin huwa biss
indikazzjoni, jista’ jkun itwal jew iqsar, skont il-bżonn u l-ħiliet tat-tfal. Opportunita’
waħda tista’ tinqasam f’aktar partijiet, jew tiġi ripetuta jekk it-tfal ikunu jridu. Dawn
huma ġabra ta’ ideat, mod ta’ tagħlim u strateġiji varji li jirrispettaw il-mod kif it-tfal
żgħar jitgħallmu, u jikbru fl-għarfien tagħhom tad-dinja ta’ madwarhom. Kunu
sensittivi għall-kapaċitajiet tat-tfal, għinuhom jaslu sa fejn jistgħu.
4. Il-ġenituri mitluba li jkunu ta’ gwida u sapport, bil-ħlewwa u bil-pożittivita’. Bl-iżbalji
nitgħallmu, u nibqgħu nippruvaw għaliex it-tagħlim huwa proċess kontinwu tul il-ħajja.
5. Jekk l-adult iħares lejn dawn l-esperjenzi bħala xogħol u mhux ħin ta kwalita’ mat-tfal,
it-tfal jindunaw u la jieħdu gost u lanqas jitgħallmu. Ma jimpurtax jekk il-prodott finali,
jew ir-risposti ma jkunux kif nixtiequ aħna jew eżatti. L-importanti huwa l-proċess.
Apprezzaw ix-xogħol tat-tfal, faħħruhom, u poġġu xogħolhom fejn jidher.
6. Tul dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim, fost ħiliet oħra, il-lingwa tkun qed tiġi żviluppata.
Għalhekk, tajjeb li nkellmu lit-tfal bil-lingwa tal-istorja (jekk l-istorja hi bil-Malti,
nitkellmu bil-Malti, jekk l-istorja hi bl-Ingliż, inkellmuhom bl-Ingliż) li nkunu qed
naqraw. Jekk it-tfal għadhom ma żviluppawx sew il-pronunzja jew m’għandhomx
vokabularju wiesa’ biżżejjed, issa huwa l-ħin li ngħinuhom. Jekk jirrispondu b’kelma
waħda, l-adult għandu jgħid is-sentenza sħiħa u korretta, biex it-tfal jirrepetuha. Jekk
it-tfal jitkellmu tajjeb lingwa oħra li ma tkunx dik tal-istorja, eżempju bl-Ingliż meta listorja
hi bil-Malti, xorta għidu s-sentenza bil-Malti biex jirrepetuha. Attenti li ma
ddejquhomx iżżejjed. Iffukaw fuq ftit kliem jew sentenzi u żidu bil-mod il-mod minn
darba għall-oħra.

You may find these recommandations for Parents/Guardians in English under Resources.

‘Ejja Nagħmlu Kejk’
Kitba: Stephen Said
Publikatur: BDL

Opportunita’ ta’ Tagħlim nru 1:
Skop: Smigħ u fehim ta’ storja, taħriġ fil-ħsieb, iġjene personali u kreattività
Ħin: Madwar 30 minuta

Uri l-ewwel stampa tal-ktieb ‘Ejja Nagħmlu Kejk’ lit-tfal billi tagħfas fuq il-link:

https://octavo.app/obooks/ejja-naghmlu-kejk/chapters/1/pages/1

Staqsi xi mistoqsijiet bħal dawn:
– X’qed tara fl-istampa?
– Fejn taħseb li qiegħda t-tifla? Kif taf? (Aċċetta kull tweġiba)
– Għal minn taħseb ser jaħmu l-kejk fl-istorja?
– Tista’ semmi xi okkazjonijiet meta naqsmu kejk? (Aċċetta kull tweġiba)
– X’taħseb li se jiġri fl-istorja? (Aċċetta kull tweġiba)
– Issa ejja naraw flimkien x’ ser jiġri.

Semma’ jew aqra l-istorja ‘Ejja Nagħmlu Kejk’. Ħalli t-tfal jitkellmu dwar l-istampi u kompli mal-ħsibijiet tagħhom. Waqt l-istorja ieqaf u spjega fil-qosor x’inhuma l-mikrobi li ma jidhrux, u kif dawn jistgħu jidħlu ġewwa fina u jagħmlulna d-deni u għaliex nużaw maktur meta nagħtsu u nersqu ‘l bogħod min-nies u l-ikel. Emfasizza fuq l-igjene u tista’ ukoll (jekk it-tfal huma lesti ) torbot ma’ dak li qed iseħħ madwarna bħalissa bil-COVID-19. Aċċettaw kull mistoqsija li t-tfal jistgħu jagħmlu, fejn ma tafux, fittxu flimkien mat-tfal.
Jekk trid tista’ terġa’ ssemma’ jew taqra l-istorja.

Staqsi xi mistoqsijiet bħal dawn:
– X’jisimha t-tifla?
– Għal min ser jagħmlu l-kejk? Inti kemm għandek nanniet?
– Għaliex il-mamà qalet lil Stella biex taħsel idejha?
– X’inhu l-miżien? Għal xhiex jintuża u fejn iżżommu l-mamà fid-dar?
– Biex qed tħawwad it-taħlita Stella?
– Aċċuu! X’ġara? (Importanti li t-tfal jaħsbu u jekk tista’ orbot mar-realtà ta’ llum.
– X’kellha tagħmel Stella wara li għatset u qabel ma kompliet il-kejk?
– Kif qattgħet il-ħin Stella sakemm il-kejk sar? (Aċċetta kull risposta. Importanti li t-tfal jesprimu ruħhom u jitkellmu, aktar milli jġibu risposta tajba. X’aktarx meta jerġgħu jaqraw l-istorja jirrispondu b’mod aktar preċiz).
– Tiftakar x’jisimha n-nanna ta’ Stella?
– Fejn taħseb li kienet in-nanna? X’taħseb li kienet qiegħda tagħmel?
– Kemm taħseb hemm xemgħat fuq il-kejk tan-nanna? Trid ngħodduhom flimkien?


– Tfakkarni naqra għaliex kellha terġa’ taħsel idejha Stella qabel tieħu biċċa kejk?
– Taħseb li ħadet gost in-nanna bil-kejk? Inti x’tip ta’ kejk tippreferi tiekol? (Aċċetta kull tweġiba)

Staqsi jekk it-tfal jixtiqux joħolqu u jpenġu kartolina sabiħa ta’ għeluq snin in-nanna Pawlina. Ipprovdi karti/kartonċin, kuluri u xi żigarelli, biċċiet ta’ drapp, karti kkuluriti, stilel jew affarijiet oħra li jistgħu jintużaw biex iżejnu l-kartolina. Ħallu l-kreatività tagħhom toħroġ u kunu pożittivi. Uruhom kif, jekk isaqsu għall-għajnuna. Jekk jixtiequ jistgħu ukoll jiktbu (kif jafu huma) xi xewqat, isem in-nanna jew/u isimhom.
Tista’ tistaqsi lit-tfal x’pinġew u taħt it-tpinġija ikteb dak li jgħidu t-tfal.

Opportunità ta’ Tagħlim nru 2:
Skop: Taħdit, taħriġ fuq sekwenza, rikonoxximent, għadd u korrispondenza ta’ numri, ritmu, ċaqliq u sens mużikali.
Ħin: madwar 20 – 30 minuta.

Staqsi lit-tfal: X’tiftakar mill-istorja ta’ Stella?
Jistgħu jerġgħu jirrakkuntaw l-istorja kif jafu huma. Aċċetta dak li jgħidu, anke jekk mhux eżatt. Agħmel referenza għall-kartolina. Ara jekk jixtiqux nerġgħu naqraw/nisimgħu l-istorja ‘Ejja Nagħmlu Kejk ’fuq:

https://octavo.app/obooks/ejja-naghmlu-kejk/chapters/1/pages/1

Nitkellmu ftit fuq għeluq is-snin. Tista’ tistaqsi xi mistoqsijiet bħal dawn:
– Ġieli mort xi festin ta’ xi ħbieb jew qraba?
– Tgħidli ftit x’tiftakar?
– Kien hemm xi tiżjin li laqtek?
– Lgħabtu xi tip ta’ logħob waqt il-festin?
– Ma’ min l-aktar li qattajt il-ħin u x’għamiltu?
– Tiftakar kif kien il-kejk – tista’ tiddeskrivih? (kulur, għamla, daqs, tiżjijn, eċċ)

– Ġieli organizzawlek festin għalik? Kemm għandek żmien? Urini kemm fuq idejk…. ejja ngħoddu flimkien, wieħed, tnejn, tlieta, erbgħa……
Hawnhekk, jekk it-tfal għandhom bżonn, tista’ tirrevedi n-numri bil-Malti (sa 10) fuq:

https://www.youtube.com/watch?v=ZZ9hJSKoZJs

– Tiftakar kemm kien hemm xemgħat fuq il-kejk tan-nanna Pawlina fl-istorja?
– Ejja ngħodduhom, wieħed, tnejn…..
– Trid ngħoddu kemm hemm xemgħat fuq il-kejk fuq il-kalendarju?(uża kalendarju bin-numri kabbarin biex tilagħbu logħob ta’ identifikazzjoni ta’ numri, sekwenza, jew għadd).
– Ħares lejn il-kalendarju, tista’ ssib in-numru ta’ sninek? U ta’ ħutek?

– Tista’ ġġibli 3 (jew aktar skont il-ħiliet tat-tfal) tuffiħiet? Nistgħu wkoll inpinġu t-tuffieħ u niktbu n-numru fuq karta. Jekk tippreferi nużaw il-playdough biex nagħmlu t-tuffieħ u n-numri.

Żgur li waqt il-festin kantaw il-kanzunetta ta’ għeluq is-snin. Tistgħu tkantaw ‘Ferħ w Awguri’ flimkien billi tagħfas fuq il-link:

https://www.youtube.com/watch?v=se7qSdKED74

Waqt li tkantaw tajjeb li tiċċaqalqu u ċċapċpu għar-ritmu tal-mużika. Meta naslu għan-numru ta’ snin, inċapċpu skont is-snin tat-tfla. Attenti li jkun hemm korrispondenza bejn in-numru u ċ-ċapċip (3 snin mela tliet ċapċipiet, wieħed, tnejn tlieta). Jekk it-tfal kapaċi jċapċpu u jgħoddu sa, ħamsa, għaxra jew aktar, agħmlu hekk ukoll. Tista’ tkanta kanzunetta għal kull membru tal-familja u tinvolvu lil kulħadd.

https://www.youtube.com/watch?v=Nh1ttXj1iQI

Opportunità ta’ Tagħlim nu 3.
Skop: Iġjene personali: Esperiment għall fehem ta’ x’ inhuma l-mikrobi li ma narawx, u kif il-ħasil tal-idejn jipproteġina minnhom. Taħriġ fil-lingwa – mikroskopju.
Ħin: madwar 30 minuta

Nitkellmu ftit dwar x’ġara fl-istorja u kif il-mamà ta’ Stella kienet tfakkarha ta’ spiss biex taħsel idejha qabel tmiss l-ikel jew wara li tagħtas jew tilgħab barra u tmiss il-kelb. Nitkellmu fuq dawn il-mikrobi invisibbli, biex it-tfal jifhmu aħjar segwu l-esperiment li ġej. Il-video huwa bl-Ingliż, izda intom mitluba tkellmu lit-tfal bil-Malti, għaliex wieħed mill-iskopijiet ta’ din l-opportunità huwa li niżviluppaw il-lingwa Maltija u nħajru lit-tfal jitkellmuha. Tistgħu jekk tridu tbaxxu l-volum u tikkummentaw/tiddiskutu intom dwar dak li jiġri fil-video. Jekk it-tfal jippreferu jitkellmu bl-Ingliż ħalluhom, biss immudellaw intom bil-Malti, dak li jgħidu huma. Huma mbagħad jirrepetu warajkom bil-Malti.

Tistgħu terġgħu tippruvawh intom dan l-esperiment. Jekk it-tfal għandhom bżonn ikattru l-vokabularju, semmu kull oġġett meħtieġ għal dan l-esperiment. Il-bżar, il-platt eċċ. Għidu xi jkun qed isir biex tesponu t-tfal għal-lingwa.

Naħsbu ftit mat-tfal meta hemm bżonn li naħslu jdejna bis-sapun?
Wara li taħsbu ftit, araw kemm semmejtu minn dawn li ġejjin.

Qabel noħorġu mit-tojlit, qabel l-ikel jew it-tisjir, qabel inmissu wiċċna, l-għajnejn, l-imnieħer jew il-ħalq.
Wara li nagħtsu jew nissofjaw imneħirna, wara li missejna l-art, jew il-ħamrija, wara li nmissu l-annimali, wara li lgħabna barra, fil-ġonna, fit-tajn, bil-fuħħar eċċ.
Il-mikrobi ma tistax tarahom, imma hemm mikroskopju li tista’ tara dak li b’għajnejna biss ma narawx. Ħarsu ftit lejn dan il-video biex it-tfal jaraw x’inhu mikroskopju u kif jidhru l-affarijiet li ma narawx b’għajnejna biss. Għalkemm dawn huma bl-Ingliż, ibqa’ tkellem bil-Malti biex tispjega dwar dak li jkun qed jiġi muri.

Mikrobi u l-mikroskopju.
https://www.youtube.com/watch?v=RS2SanvcZt4

Estensjoni
Flimkien tistgħu tivvintaw xi poeżija jew xi taqbila dwar l-indafa jew il-ħasil tal-idejn  (żewġ versi, tlieta, jew kemm tridu).

Il-Mikrobi (Covid-19)
Aħsel idejk, aħsel sewwa,
ħalli l-mikrobi ma jkollniex.
Naddaf, aħsel, oqgħod ġewwa,
ħalli dawn ma jmarduniex.

Kliem ta’ Tania Mangion

Agħti karta bajda u ħajjar lit-tfal jagħmlu tpinġija tal-mikrobi, hekk kif jimmaġinawhom huma…… (Aċċetta kollox u uri apprezzament tax-xogħol li jsir).
Ħajjar lit-tfal jitkellmu dwar dak raw, u li pinġew, u ikteb taħt it-tpinġija dak li jkunu qalu. Jekk iridu, jistgħu jiktbu huma wkoll billi jikkupjaw jew tgħinuhom intom. (Aċċetta kollox – b’hekk inrawmu l-gost tal-kitba). Tistgħu tibagħtu t-tpingija u l-taqbila fuq: tania.mangion@ilearn.edu.mt.

Opportunità ta’ Tagħlim nru 4.
Skop: Taħriġ dwar il-lingwa (vokabularju), sekwenza tar-riċetta, kunċett ta’ kwantità u toqol.
Ħin: Madwar 40 minuta.

Illum ser nagħmlu kejk bir-riċetta li Stella użat għall-kejk tan-Nanna Pawlina.

Riċetta
L-ingredjenti
• 150g dqiq self-raising
• 220g zokkor caster
• 80 g marġerina maħlula
• 50g trab taċ-ċikkulata
• 125 ml ħalib
• 2 bajdiet imħabbta

Il-Metodu
1. Ixgħel il-forn 180 C (jew 160C jekk fih il-fann). Idlek dixx tond b’dijametru ta’ 24 ċm
Bil-marġerina u roxx ftit dqiq fuqu.
2. Għarbel id-dqiq ġol-iskutella tal-mikser.
3. Żid il-kumplament tal-ingredjenti u ħawwad għal erba’ minuti b’veloċita’ qawwija.
4. Ferra’ t-taħlita ġod-dixx u aħmi għal 35 – 40 minuta.

Nistiednu t-tfal jippreparaw kejk għall-familja bħal dak li għamlet Stella. Nitkellmu ftit fuq ir-riċetta u l-ingredjenti meħtieġa. Nibdew billi niftakru naħslu jdejna sew qabel immissu l-ikel.
Tajjeb li nħarsu lejn ir-riċetta u naqraw l-ingredjenti wieħed wieħed, u nġibuhom fuq il-mejda jew fuq il-bank tal-kċina li nkunu naddafna qabel. Irreferu għall-istorja u ddiskutu fejn hemm bżonn. Involvu t-tfal kemm tistgħu u agħtuhom oppotunitajiet biex iġibu, jiżnu, jgħoddu, jħawdu eċċ. Importanti li nirreferu għal kwantità eżatta kif hemm miktub fir-riċetta sabiex it-taħlita tiġi tajba. Irreferu għan-numri fuq il-miżien, biex jifhmu l-użu tan-numri u tal-kitba (meta tħarsu lejn ir-riċetta) fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-miżien juri t-toqol tal-oġġett. Saqsu lit-tfal, liema jaħsbu huwa itqal, bajda jew biċċa ċikkulata? Frawla jew larinġa? Ħeġġu lit-tfal jestimaw, u jgħidu liema jkun itqal. Ħalluhom iħossu l-oġġett f’idejhom biex jgħatu stima u jiddeċiedu. Imbagħad, niċċekjaw mal-miżien. Tistgħu tpoġġu l-affarijiet skont it-toqol: ħafif, iktar tqil, u itqal.

Tkellmu ukoll dwar kif l-ingredjenti jitħalltu, il-kuluri u ‘texture’ ta’ kull ingredjent, u kif jinbidlu hekk kif inħalltuhom.
Waqt li l-kejk jinħema, involvu lit-tfal fil-ħasil u żbarazzar. It-tfal jieħdu gost iħossuhom utli u jipparteċipaw bil-qalb.
Aħsbu wkoll jekk u kif ser iżejnu l-kejk.

Estensjoni
Tul il-proċess, tistgħu ssaqsu lit-tfal iridux jieħdu xi ritratti fil-fażijiet differenti, qabel, waqt, u meta l-kejk ikun lest. Dawn jistgħu jintużaw fi ġranet oħra biex jitkellmu dwar din l-esperjenza ma’ ħuthom jew membri oħra tal-familja. Ikun aħjar kieku dawn jistgħu jiġu stampati u mqegħda fejn jidhru (eż. mal-friġġ).

It-tfal mhux biss iħobbu imma jitgħallmu ħafna meta jitkellmu fuq esperjenzi li għaddew minnhom. Ir-ritratti jistgħu jkunu okkażjoni biex dan iseħħ, biex jesprimu ruħhom u jirriflettu fuq dak li ġara. Dawn jistgħu jintużaw biex jitpoġġew f’sekwenza skont il-proċess.

Share this lesson

If you enjoyed this, or think this is a great lesson, please feel free to share it on your social media tools.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on whatsapp
WhatsApp