In-Nanniet – 6 Opportunitajiet ta’ Tagħlim

This lesson was contributed by:

Joanne Mifsud

This lesson is for:

Lesson Duration:

120 mins.

What should you expect from this lesson?

Dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim huma marbuta ma’ tema li t-tfal hija għal qalbhom ħafna. Permezz ta’ din it-tema, it-tfal jidħlu fid-dinja tat-tpinġija, tan-numri, tal-lingwa, tax-xjenza, tal-moviment, tal-ħajja soċjali, tal-poeżija u tal-avventura. B’hekk tkunu qed tgħinuhom ikomplu jiżviluppaw il-ħsieb tagħhom, il-ħiliet matematiċi, it-taħdit, il-komunikazzjoni, is-smigħ u l-emozzjonijiet.

Print this lesson

Press the button to print this lesson

Share on print
Print

How to carry out this lesson at home:

Rakkomandazzjonijiet għall-ġenituri/gwardjani:
1. Tajjeb li tkunu qrajtu l-opportunita’ qabel, biex tilħqu tippreparaw dak li jista’ jkun hemm bżonn minn qabel.
2. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma miktuba sabiex, filwaqt li tieħdu gost tqattgħu ħin mat-tfal tagħkom, issiru tafu lit-tfal aħjar u tieħdu sehem fl-iżvilupp sħiħ tagħhom. Dawn l-opportunitajiet huma magħżula biex jinvolvu t-tfal, joffru opportunitajiet ta’ taħriġ ħolistiku, jiġifieri, kemm intelletwali (kunċetti matematiċi, żvilupp tal-lingwa, xjenza) fiżiku, emozzjonali, spiritwali/etiku u soċjali.
3. Dan mhux programm riġidu li bil-fors irid isir f’ħin stipulat. Il-ħin huwa biss indikazzjoni, jista’ jkun itwal jew iqsar, skont il-bżonn u l-ħiliet tat-tfal. Opportunita’ waħda tista’ tinqasam f’aktar partijiet, jew tiġi rripetuta jekk it-tfal ikunu jridu. Dawn huma ġabra ta’ ideat, mod ta’ tagħlim u strateġiji varji li jirrispettaw il-mod kif it-tfal żgħar jitgħallmu, u jikbru fl-għarfien tagħhom tad-dinja ta’ madwarhom. Kunu sensittivi għall-kapaċitajiet tat-tfal, għinuhom jaslu sa fejn jistgħu.
4. Il-ġenituri mitluba li jkunu ta’ gwida u sapport, bil-ħlewwa u bil-pożittivita’. Bl-iżbalji nitgħallmu, u nibqgħu nippruvaw għaliex it-tagħlim huwa proċess kontinwu tul il-ħajja.
5. Jekk l-adult iħares lejn dawn l-esperjenzi bħala xogħol u mhux ħin ta’ kwalita’ mat-tfal, it-tfal jindunaw u la jieħdu gost u lanqas jitgħallmu. Ma jimpurtax jekk il-prodott finali, jew ir-risposti ma jkunux kif nixtiequ aħna jew eżatti. L-importanti huwa l-proċess. Apprezzaw ix-xogħol tat-tfal, faħħruhom, u poġġu xogħolhom fejn jidher.
6. Tul dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim, fost ħiliet oħra, il-lingwa tkun qed tiġi żviluppata. Għalhekk, tajjeb li nkellmu lit-tfal bil-lingwa tal-istorja (jekk l-istorja hi bil-Malti, nitkellmu bil-Malti, jekk l-istorja hi bl-Ingliż, inkellmuhom bl-Ingliż) li nkunu qed naqraw. Jekk it-tfal għadhom ma żviluppawx sew il-pronunzja jew m’għandhomx vokabularju wiesa’ biżżejjed, issa huwa l-ħin li ngħinuhom. Jekk jirrispondu b’kelma waħda, l-adult għandu jgħid is-sentenza sħiħa u korretta, biex it-tfal jirrepetuha. Jekk it-tfal jitkellmu tajjeb lingwa oħra li ma tkunx dik tal-istorja, eżempju bl-Ingliż meta l-istorja hi bil-Malti, xorta għidu s-sentenza bil-Malti biex jirrepetuha. Attenti li ma ddejquhomx iżżejjed. Iffukaw fuq ftit kliem jew sentenzi u żidu bil-mod il-mod minn darba għall-oħra.

The recommendations up here can be viewed in English in the resource section.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 1 (approx. 10 mins):
Bħalissa, minħabba s-sitwazzjoni preżenti, nafu li t-tfal ma jistgħux iżuru lin-nanniet u għaldaqstant nemmnu li t-tfal jimmisjaw lin-nanniet u jitkellmu dwarhom. Mela din hija opportunita’ ta’ tagħlim li tgħin lit-tfal iħossuhom eqreb lejn in-nanniet tagħhom f’dan iż-żmien partikolari. Nibdew billi nitkellmu mat-tfal dwar in-nanniet tagħhom. Mhux kull wild għandu l-istess ammont ta’ nanniet: min għandu erbgħa, min tlieta, min tnejn u min wieħed/waħda. Ladarba nitkellmu dwarhom, itolbu lit-tfal biex ipinġu lin-nanniet tagħhom u jinkludu lilhom infushom. Tagħtuhomx ħjiel! Ħalluhom ipinġu kif iridu huma: bil-kulur, bil-marker, żgħar/kbar. Importanti li t-tfal ukoll ikunu fl-istampa. Meta jlestu din it-tpinġija, araw it-tfal ħdejn liema nanna/nannu pinġew lilhom infushom. X’aktarx li dak in-nannu/dik in-nanna l-aktar li jħossuh/a qrib tagħhom. Imbagħad agħmlulhom dan l-invit: Tixtieq inċemplu lin-Nanna……/Nannu…… u nkellmuh/a ftit? Hawnhekk ngħaddu għall-opportunita’ oħra ta’ tagħlim.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 2 (approx. 15 mins):
Issa jmiss li tippreparaw il-mistoqsijiet li t-tfal ser jistaqsu lin-nanna/nannu meta jċemplulhom. Lit-tfal agħmluhielhom ċara li dawn ser ikunu mistoqsijiet biex isiru jafu aħjar lin-nanna/nannu tagħhom. Għaldaqstant, dawn huma ftit ideat li bihom tistgħu tgħinu lil uliedkom biex ifasslu l-mistoqsijiet tagħhom:
l-isem u l-kunjom tan-nanna/nannu;
l-eta’ tan-nanna/nannu;
il-lokalita’ fejn j/toqgħod;
wieħed mill-passatempi tan-nanna/nannu;
il-ġugarell favorit jew il-logħba favorita ta’ meta kienu tfal in-nanniet;
min xhiex j/tibża’ l-aktar in-nannu/nanna;
l-aktar ħaġa sabiħa li ġrat fil-ħajja tan-nannu/nanna.
L-iskop ta’ din l-opportunita’ huwa li t-tfal jieħdu informazzjoni dwar in-nanniet (bħall-isem, kunjom, lokalita’) kif ukoll jibdew jidraw kif għandhom jagħmlu mistoqsija.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 3 (approx. 25mins+):
Ċemplu lin-nannu/nanna u staqsuh/a l-mistoqsijiet li tkunu preparajtu. Importanti, li t-tfal jgħidulkom ir-risposti u intom tiktbuhom fuq karta jew fuq mini whiteboard. Dan, biex imbagħad aktar tard tkunu tistgħu tużawhom.
Mir-risposti tan-nannu/nanna, jistgħu joħorġu diversi kunċetti ta’ tagħlim kif ser jiġi spjegat:
L-ismijiet – aħna nafu li kull isem, sew ta’ persuna/annimal, kif ukoll ta’ lokalita’, jibda bl-ewwel ittra kbira. Mela, jekk l-isem tan-nannu, per eżempju, huwa Pietru Calleja, importanti li meta tiktbuh, l-ittri P u C, tagħmluhom b’kulur differenti mill-bqija tal-kelma. Lit-tfal tgħinhom ukoll jekk l-isem jinkiteb fuq it-tpinġija fejn it-tfal għamlu lin-nanniet tagħhom, biex b’hekk ir-relazzjoni bejn l-isem u l-persuna tkun aktar ċara. L-istess irid isir bl-isem tal-lokalita’. Jekk in-nannu/nanna jgħidu lit-tfal li joqogħdu, per eżempju, il-Marsa, l-M iktbuha bl-istess kulur kif użajtu qabel għall-isem tan-nannu/nanna, u l-bqija tal-kelma b’kulur newtrali, ngħidu aħna iswed.
Passatempi – illum it-tfal ma tantx għandhom ħin jaħsbu fuq dak li jħobbu jagħmlu. Ladarba in-nannu/nanna jitkellmu fuq il-passatemp tagħhom, ikun tajjeb li t-tfal ukoll jaħsbu fuq il-passatempi tagħhom. Dan jista’ jgħin biex it-tfal ikunu kapaċi jidentifikaw mal-emozzjonijiet tagħhom u jiskopru bil-mod il-personalita’ tagħhom. Hemm possibbilta’ kbira, li t-tfal isemmu li jħobbu jilagħbu fuq il-mowbajl. Trid issir id-differenza bejn nagħmel xi ħaġa li nieħu pjaċir u tieqaf hemm, u bejn nagħmel xi ħaġa li tagħtini xi ħila. Ftit eżempji ta’ passatempi:
Il-qari – ikolli ideat ġodda u nitgħallem kliem ġdid.
It-tpinġija – żvilupp ta’ stampa, nitgħallem dwar il-kuluri u anki l-materjal differenti li nkun qed nuża bħal karta, kartonċina, injam, eċċ.
Kollezzjoni ta’ xi ħaġa, bħal muniti, bolli, pupi, karozzi, eċċ – nitgħallem inqassam fi gruppi; nagħraf ċertu dettall.
Ngħin fil-ġnien – nitgħallem il-proċess ta’ kif tikber pjanta.
Żfin, kant, mużika, drama, tisjir u sports li kollha huma dixxiplini li jgħinu lit-tfal jiżviluppaw fiżikament, emozzjonalment u psikoloġikament.
Din tista’ tkun opportunita’ għalik bħala ġenitur biex tiskopri xi kwalitajiet għandhom uliedek u tirrispondi għalihom.
Il-ġugarell/logħba favorita: ir-risposta tan-nannu/nanna tista’ tagħtik l-opportunita’ biex jew tilagħbu l-logħba li kien/et j/tilgħab in-nannu/nanna jew inkella tagħżlu logħba/ġugarell u tilagħbu bih. Waqt il-logħob, tista’ tinnota numru ta’ ħiliet fit-tfal tiegħek:
Il-lingwa li jużaw (Malti jew Ingliż?)
Il-lingwaġġ li jużaw (jinftiehem jew le?)
Is-sens ta’ fairness waqt il-logħob (iċedu jew dejjem trid tgħaddi tagħhom?)
Il-proċess tal-logħob (jilagħbu b’sekwenza jew minn ħaġa għal oħra u mbagħad lura?)
Kif jieħdu ħsieb il-ġugarell/l-affarijiet tal-logħba (bil-ħlewwa jew bl-aggressjoni?)
Jaqsmu mal-oħrajn jew jilagħbu waħedhom?
Dawn huma kollha ħiliet li bħala ġenitur/gwardjan tista’ tinnota u tiġbed l-attenzjoni fejn hemm bżonn, sabiex uliedek jitgħallmu ħiliet importanti għal ħajjithom.
Il-biża’: hawnhekk wieħed irid joqgħod attent. Jekk it-tfal taf li jibżgħu, anki speċjalment f’dan iż-żmien ta’ inċertezza, forsi jkun għaqli li ma titkellmux dwar affarijiet li jbeżżgħu. Mill-banda l-oħra, jekk it-tfal tagħkom kapaċi jitkellmu dwar affarijiet li jbeżżgħu mingħajr tfixkil, allura tistgħu tieħdu opportunita’ biex tagħmlu diskussjoni sabiħa. Per eżempju, jekk in-nannu/nanna jgħidu li jibżgħu mill-wirdien, tista’ titkellem dwar dan u turi li wara kollox wirdiena ma tista’ tagħmillek xejn. Tista’ tkompli tesplora dan billi tfittex informazzjoni dwar insetti differenti u għat-tfal din tkun opportunita’ oħra ta’ tagħlim.
• L-aħħar risposta għandha tiftaħ bieb sabiħ għat-tagħlim t’uliedkom. Il-ħaġa sabiħa li ġrat fil-ħajja tan-nanniet x’aktarx tkun relatata jew:
1) ma’ xi ħaġa li ġrat fil-familja, bħal meta żżewwġu, meta kellhom it-tfal;
2) dwar xi ħaġa marbuta max-xogħol, bħal meta bdew jaħdmu jew meta daħħlu l-ewwel paga;
3) dwar xi ħaġa marbuta mar-reliġjon, bħal meta għamlu l-Preċett;
4) xi esperjenza personali oħra, bħal safar, avventura.
Jekk tkun esperjenza marbuta mal-(1), allura dan jista’ jservi biex tiffukaw fuq il-familja. Aqbdu l-albums tar-ritratti/ir-ritratti fuq il-mowbajl/kompjuter, arawhom flimkien, tkellmu dwar l-emozzjonijiet (fir-ritratti in-nies jidhru ferħanin għax qed jitbissmu, jidhru magħqudin bejniethom għax għandhom idejhom wara dahar xulxin, jidhru qed jirriskjaw għax wiċċhom jidher imbeżża’, jidhru sereni għax għajnejhom jidhru fil-paċi). L-emozzjonijiet huma parti integrali mill-ħajja tagħna u tat-tfal u huwa importanti li minn din l-eta’, it-tfal jitgħallmu jgħarrfu kif jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, tista’ tieħu spunt ieħor u tieħdu ftit ritratti, ngħidu aħna fuq ġimgħa, biex imbagħad, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tibagħtuhom lin-nanniet.
Jekk tkun esperjenza marbuta mat-(2), allura dan jista’ jservi biex tiffukaw fuq karrieri ta’ xogħol differenti – in-ners, il-pulizija, l-għalliema, tal-merċa, it-tabib, il-furnar, u tara ftit it-tfal xhinhuma il-ġibdiet tagħhom. Ladarba titkellmu, tkunu tistgħu tesploraw aħjar dak ir-rwol, billi it-tfal jilbsu u jimitaw dak ir-rwol. Ngħidu aħna, jekk jogħġobhom ix-xogħol ta’ ners, issibu xi libsa/qalziet u top blu jew bojod, u tilagħbu li forsi inti l-pazjent u huma ser ifejquk. Dan jista’ jsir għal kwalunkwe xogħol. B’hekk lit-tfal tkun qed tesponihom għal dak li ngħidulu role play, li huwa tant importanti. Ladarba tidentifikaw l-aktar xogħol li jogħġobhom, tistgħu tiddiskutu magħhom kif dak ir-rwol jista’ jkun ta’ għajnuna għan-nanniet tagħhom.
Jekk tkun esperjenza marbuta mat-(3), tista’ titkellem magħhom dwar kemm hu importanti li jkollna lil Alla fil-ħajja tagħna. Forsi tkunu tistgħu issemmu ukoll li Ġesu’ ukoll kellu n-nanniet tiegħu, Sant’Anna u San Ġwakkin. Hemm ukoll taqbila qasira dwar dan li tistgħu tgħiduha lil uliedkom:
Xorti kellha dik Sant’Anna
Il-Bambin jgħajtilha nanna.
Din it-taqbila tista’ tużaha biex tenfasiżża s-sillabi kif ġej:
Xor-ti kel-lha dik Sant’-An-na (hawnhekk tista’ ċċapċap 8 darbiet)
Il-Bam-bin jgħaj-til-ha nan-na (hawnhekk tista’ ċċapċap 8 darbiet ukoll)
Barra minn hekk, tista’ tenfasiżża r-rima ‘Anna/nanna’, kif ġej:
Il-ġenitur jgħid:
Xorti kellha dik
It-tfal jgħidu jgħajtu:
Sant’Anna
Il-ġenitur ikompli:
Il-Bambin jgħajtilha
It-tfal jgħidu jgħajtu:
Nanna.
Jekk l-esperjenza tan-nanniet tkun marbuta mar-(4), allura hawnhekk tista’ titkellem mat-tfal dwar xi esperjenza sabiħa li kellhom huma stess. Forsi jkollok xi ritratti ta’ dik l-esperjenza, forsi meta mortu ġurnata Għawdex, forsi meta għamiltu piknik, forsi meta mortu camping, eċċ. Ħallu lit-tfal jitkellmu magħkom u għinuhom meta ma jkunux jistgħu jsibu l-kliem biex jesprimu ruħhom. Huwa hekk li t-tfal tħarrġuhom fil-mod kif jitkellmu u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom. Din l-attivita’ tista’ tkompli tiġi żviluppata billi t-tfal jintalbu jpinġu dwar dik l-esperjenza sabiħa. Waħħlu t-tpinġija x’imkien, bħal ngħidu aħna fil-kamra tagħhom, mal-friġġ fil-kċina, ma’ xi tieqa fid-dar, fejn it-tfal jibqgħu jgħożżu dik l-esperjenza pożittiva f’ħajjithom.
L-iskop ta’ dawn l-attivitajiet huwa li t-tfal jaħsbu dwar kif jagħmlu mistoqsija, li l-mistoqsijiet ikunu ta’ natura bħal meta tagħmel intervista (nibdew nippreparawhom għal dak li jkunu ser jiltaqgħu miegħu fis-snin tal-Primarja u fil-ħajja personali tagħhom), li nanaliżżaw ir-risposti u nkomplu niftħuhom biex nifhmu aħjar. B’dan il-metodu lil uliedkom tkunu qegħdin tħarrġuhom fil-lingwa, fil-ħsieb u fl-applikazzjoni tal-ħsieb. Dawn huma għodod biex ‘il quddiem ikunu kapaċi jaħsbu u jiktbu aħjar.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 4 (25 mins):
F’din l-attivita’, ser tisimgħu t-taqbila Il-Bewsa tan-Nanna:


Din it-taqbila hija ħelwa għaliex joħroġ minnha l-ħlewwa tan-nanniet. Tajjeb napprezzaw l-imħabba li għandhom in-nanniet għat-tfal, li f’ċirkustanzi normali juruha anki permezz ta’ xi bewsa, u li propju toħroġ f’din it-taqbila.
L-ewwel, semma’ lit-tfal din it-taqbila. Tistgħu terġgħu tisimgħuha.
• Ħajjar lit-tfal ikantaw magħha.
• Wara staqsi lit-tfal jispjegawlek l-istorja tat-taqbila, jiġifieri li kien hemm tifel, jismu Toninu. Darba Toninu kien qiegħed jaqra bil-kelb u l-qattus maġenbu. Dak il-ħin daħlet bil-mod ħafna n-nanna, u tagħtu bewsa kbira. Tista’ toħroġ dawn l-affarijiet mit-taqbila:
1) ‘Toninu’ huwa isem ta’ tifel u allura ismu jibda bl-ewwel ittra kbira ‘T’, anki biex tgħaqqad ma’ dak li jkun sar fl-opportunita’ ta’ tagħlim 3. Tista’ titlob lit-tfal biex ipinġu stampa ta’ Toninu u tiktiblu ismu maġenb it-tpinġija, billi tikteb l-ittra kbira ‘T’ b’kulur differenti.
2) Għandna kliem li jispiċċaw bl-istess ħoss: ‘jaqra’ u ‘naqra’; ‘inkiss’ u ‘imiss’.
3) Staqsi lit-tfal: Kemm hemm annimali msemmijin fit-taqbila? (2, il-kelb u l-qattus)
U kemm hemm nies imsemmijin fit-taqbila? (2, Toninu u n-nanna).
4) Ħeġġeġ lit-tfal biex din it-taqbila ibiddluha ftit, biex jagħmluha tagħhom. Ovvjament importanti li jkun hemm l-għajnuna tal-adult. Dan jista’ jsir hekk:
Waqt li Toninu (tinbidel għall-isem tat-tfal, per eżempju Jake)
Kien qiegħed jaqra (tinbidel f’attivita’ oħra, per eżempju, jilgħab)
B’qattus (tinbidel f’annimal ieħor, per eżempju, għasfur) maġenbu
U kelb daqs naqra (tinbidel f’annimal/ġugarell ieħor, per eżempju, ballun kbir)
Daħlet in-nanna (tista’ tinbidel għal nannu)
Inkiss inkiss
U tagħtu bewsa
‘Mma kif imiss!
Għaldaqstant it-taqbila tista’ tinbidel hekk:
Filwaqt li Jake (4 sillabi)
Kien qiegħed jilgħab (5 sillabi)
B’għasfur maġenbu (5 sillabi)
U ballun kbir (4 sillabi)
Daħal in-nannu (5 sillabi)
Inkiss inkiss (4 sillabi)
U fis tah bewsa (5 sillabi)
‘Mma kif imiss. (4 sillabi)
Kif qed tara, trid toqgħod attent li kemm jista’ jkun is-sillabi f’kull vers jibqa’ l-istess, u kien għalhekk li bdilt xi ftit kliem bħal ‘filwaqt’ flok ‘waqt’, ‘fis tah’ flok ‘tagħtu’, biex it-taqbila taqbel mal-mużika. Meta tlestuha, it-tfal jistgħu ikantawha u ladarba jitgħallmuha, jistgħu ikantawha lin-nanna/nannu tagħhom. Probabilment din it-taqbila ikunu jafuha n-nanniet, iżda tkun sorpriża għalihom meta jisimgħuha mibdula apposta għalihom.
L-għan ta’ din l-attivita’ hu li minn ċkunithom, it-tfal jitgħallmu jibdlu xi ħaġa minn kuntest u japplikawh għall-kuntest tagħhom. B’dan il-mod, nevitaw li ‘l quddiem, meta jiġu biex jitgħallmu, ma jsibuhiex bi tqila biex eżempju ta’ somma, ngħidu aħna fil-matematika, japplikawh għas-somom l-oħra kollha.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 5 (10 mins+):
In-nanniet huma għeżież ħafna għan-neputijiet u meta jkollna xi okkażjoni, mhux darba u tnejn nagħtuhom xi bukkett fjuri jew xi pjanta. Hawnhekk, ser issibu esperiment tax-xjenza, li jinkludi ukoll fih ftit attivita’ tat-tpinġija. Araw dan l-esperiment flimkien u wara għidu lit-tfal jagħmlu l-fjuri tal-karti. It-tfal jistgħu jiktbu xi ħaġa sabiħa fuq dawn il-fjuri bħal KURAĠĠ, jew ipinġu xi qalb. Dawn il-fjuri imbagħad jistgħu jitpoġġew f’envelopp u jitwasslu jew jintbagħtu lin-nanniet. Iktbulhom l-istruzzjonijiet jew ċemplulhom u għiduhomlhom u taraw kemm jieħdu pjaċir b’dan il-ġest sempliċi imma mill-qalb tat-tfal. Fis-sezzjoni tal-videos, ser issibu l-vidjo li jurikom kif tagħmluhom u tistgħu tarawh mat-tfal u min ma jridx joqgħod ipinġi l-fjuri hu, fis-sezzjoni tar-riżorsi għandkom mudell ta’ fjura, li tistgħu tużawha.
Din hija esperjenza li fiha, it-tfal ser jistaqsu dwar xhinu jiġri biex il-fjura tinfetaħ waħedha u probabbilment, din ser timliehom entużjażmu għaliex ser ikun hemm l-element maġiku. Dan l-element maġiku ser jgħadduh lin-nanniet bħala simbolu ta’ mħabba.

OPPORTUNITA’ TA’ TAGĦLIM 6 (25mins+):
Din l-attivita’ hija waħda li tinkludi fiha ħiliet marbuta ma’ numri, moviment u ħsieb. Bażikament, din l-esperjenza ta’ tagħlim ser toħroġ minn tfittxija għat-teżor. It-tfal ser ifittxu diversi ħjiel madwar id-dar, li jfakkruhom fin-nanniet, u li permezz tagħhom ikunu qed jipprattikaw il-ħiliet imsemmija. Hawn taħt ser issib kif tipprepara din it-tfittxija:
1) Il-logħba tirrikjedi li fl-aħħar it-tfal jispiċċaw b’teżor, mela trid taħseb f’xi premju biex tagħtihulhom fl-aħħar tal-logħba. Preferibbilment, it-teżor ma jkunx xi ħaġa tal-ħelu, iżda jista’ jkun xi ħaġa żgħira oħra bħal stickers, xi gomma sabiħa, xi pupu żgħir, eċċ. Dan l-oġġett idealment jitpoġġa f’kaxxa (biex jagħti l-idea ta’ teżor) u din il-kaxxa tiġi mżejna u titpoġġa x’imkien fil-moħbi.
2) Sib sitt postijiet fid-dar fejn tista’ tpoġġi l-ħjiel li t-tfal ikunu jridu jagħmlu, ngħidu aħna wara s-sufan, taħt xi siġġu, wara xi bieb, fuq l-imħadda, fil-friġġ, fil-kaxxa tal-ittri.
3) Il-ħjiel li tikteb jistgħu ikunu dawn jew oħrajn skont is-sitwazzjoni:
• In-nanna għandha 62 sena. Ikteb fuq il-karta in-numru sitta u tnejn, biex tikteb kemm għandha żmien in-nanna.
• In-nanniet għandhom ħamest itfal. Ċapċap għal ħames darbiet.
• Fid-dar tan-nanniet insibu seba’ tarġiet. Aqbeż fuq il-post għal seba’ darbiet.
• In-nanniet kellhom erba’ pjanti u waħda mititilhom. Kemm baqagħlhom pjanti? Aqbeż dan in-numru fuq sieq waħda.
• In-nanniet qed jikbru u allura jkollhom bżonn ftit għajnuna. X’jużaw: jekk ikunu jridu jaraw aħjar? (nuċċali); jekk ikollhom bżonn l-għajnuna biex jimxu? (bastun); meta joħorġu fix-xemx biex ma tuġagħhomx rashom? (beritta/kappell).
• In-nannu kellu daharu juġgħu u t-tabib qallu biex jagħmel ftit eżerċizzju kuljum. Urini kif tinżel u tqum minn kokka għal 10 darbiet.
Importanti li t-tfal iwieġbu u jagħmlu dak li hu mitlub minnhom sewwa. Dan ifisser li jekk suppost kellhom iċappċpu 5 darbiet, u minflok it-tfal baqgħu sejrin u ċapċpu 6, tridu tiġbdulhom l-attenzjoni u jerġgħu jirrepetu l-azzjoni tajba.
4) Ladarba l-ħjiel (li tistgħu tbiddlu skont il-kuntest) ikunu saru mit-tfal, ikun wasal il-mument li jsibu t-teżor. Għaldaqstant wassal lit-tfal sat-teżor billi tagħtihom id-direzzjoni inti, per eżempju: imxi tul il-kuritur, dur fuq il-lemin (uruhom b’idejkom), idħol fil-kamra tas-sodda u ieqaf ħdejn il-bieb. Tbaxxa ftit u ħares taħt l-għamara. Hemm għandek issib it-teżor.

All the resources you need to carry out this lesson at home:

Featured Video of the lesson:

Share this lesson

If you enjoyed this, or think this is a great lesson, please feel free to share it on your social media tools.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on whatsapp
WhatsApp