It-temp u l-klima 3 – Fatturi li jaffettwaw il-klima

This lesson was contributed by:

Tracy Spiteri Staines

Lesson Duration:

60 mins.

What should you expect from this lesson?

F’din il-lezzjoni se nitgħallmu dwar kif il-latitudni, id-distanza mill-baħar, l-irjieħ prevalenti u l-għoli tal-art jaffettwaw il-klima ta’ post.

Print this lesson

Press the button to print this lesson

Share on print
Print

How to carry out this lesson at home:

1. Fil-lezzjoni ta’ qabel tgħallimna dwar l-istrumenti tat-temp. Illum se nistħarrġu aktar dwar il-fatturi li jaffettwaw it-temperatura.

2. Ħares lejn il-mappa t’hawn taħt.

Il-mappa qed turi t-temperatura f’postijiet differenti. Aktar ma l‑lewn huwa ħamrani aktar it‑temperatura hija għolja u sħuna. Il‑partijiet il-blu huma kesħin, waqt li l‑bojod huma l‑aktar inħawi kesħin tad‑dinja fejn it‑temperatura tinżel inqas minn -50ºC.

Aħseb ftit:
It-temperatura hija l-istess mad-dinja kollha jew tvarja?
Ħares lejn il-gradi ċentigradi li kull kulur jirrappreżenta. Qabbel kull kulur mal-gradi ċentigradi u sib postijiet fid-dinja li għandhom dik it-temperatura.
Fejn nistgħu nsibu inħawi fejn it‑temperatura tinżel inqas minn -50ºC?
Liema huma l-iktar partijiet sħan tad-dinja?
Skont il-mappa, kemm hi t-temperatura medja fil-gżejjer Maltin?

It-temperatura tvarja sew minn post għal ieħor.
Għalfejn ċerti nħawi jkollhom aktar sħana tax‑xemx minn oħrajn?
F’din il-lezzjoni se naraw liema huma l-fatturi li jaffettwaw it-temperatura. B’hekk se neżaminaw kif il-latitudni, id-distanza mill-baħar, l-irjieħ prevalenti u l-għoli tal-art jaffettwaw il-klima ta’post.

3. Ara dan il-filmat dwar il-fatturi li jaffettwaw il-klima.

4. Aqra din l-informazzjoni:
Erġa’ ħares lejn il-mappa t’hawn fuq. Il-kuluri qed jirrappreżentaw it-temperatura fi gradi ċentigradi. Jekk inħarsu sew lejn il-mappa nistgħu ninnutaw li l-kuluri qegħdin fi strixxi orizzontali. Postijiet li qegħdin fuq u qrib l‑Ekwatur huma ħafna aktar sħan minn postijiet ħdejn il‑poli.

a. Il-latitudni: Fuq skala globali, il‑latitudni għandha l‑akbar effett fuq il‑klima. Postijiet ħdejn l‑Ekwatur huma ħafna aktar sħan minn postijiet qrib il‑poli. Dan jiġri minħabba l‑liwja tad‑dinja u l‑angolu tax‑xemx. Ix‑xemx tisreġ dirett fuq l‑Ekwatur u s‑sħana tagħha hija kkonċentrata fuq spazju żgħir li jisħon ħafna. Mill‑banda l‑oħra, lejn il‑poli, ir‑raġġi tax‑xemx jaslu aktar angolati. Is‑sħana trid tinfirex fi spazju ħafna akbar u għalhekk it‑temperaturi hawn huma aktar baxxi u kesħin.

b. Id-distanza mill-baħar:
Dan id-disinn juri t-temperaturi f’erbat ibliet differenti – Londra, Berlin, Varsavja u Kiev. Dawn l-ibliet jinsabu, bejn wieħed u ieħor, fuq l-istess latitudni (50°T) iżda għandhom temperaturi differenti minn xulxin kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa.

Liema hi l-iktar belt sħuna f’Jannar?
Liema hi l-iktar belt kiesħa f’Jannar?
Ħares lejn it-temperaturi f’Jannar. X’qed jiġri lit-temperaturi hekk kif qed nitbiegħdu mill-baħar?

Liema hi l-iktar belt sħuna f’Lulju?
Liema hi l-iktar belt kiesħa f’Lulju?
Ħares lejn it-temperaturi f’Lulju. X’qed jiġri lit-temperaturi hekk kif qed nitbiegħdu mill-baħar?

Il‑baħar għandu effett kbir fuq it‑temperatura. Postijiet li qegħdin qrib il‑baħar ikollhom temperaturi aktar friski fis‑sajf, waqt li postijiet ’il ġewwa u bogħod mill‑baħar ikunu aktar sħan. Dan jiġri minħabba li l-art tisħon malajr fis-sajf u ssaħħan l-arja ta’ fuqha, waqt li l-baħar ikun għadu kiesaħ u jdum biex jisħon.

Fix‑xitwa jiġri bil‑kontra: postijiet bogħod mill‑baħar ikollhom temperaturi aktar baxxi minn dawk ta’ ħdejn il‑baħar. Dan huwa għaliex fix-xitwa l-baħar idum biex jitlef is-sħana. Minflok fix-xitwa l-art tiksaħ malajr u tkessaħ l-arja ta’ fuqha.

c. L-irjieħ prevalenti: L‑irjieħ jistgħu jgħollu jew ibaxxu t‑temperatura ta’ post. F’pajjiżna pereżempju, l‑irjieħ mix‑Xlokk, min‑Nofsinhar jew mil‑Lbiċ iġibu temp sħun, filwaqt li dawk li jonfħu mill‑Majjistral, mit‑Tramuntana jew mill‑Grigal ikunu pjuttost kesħin. Mill‑banda l‑oħra, l‑irjieħ li jkunu ġejjin minn fuq massa kbira ta’ baħar ikunu umdi bil-possibbiltà ta’ xi ħalba xita.

Ħares lejn id-disinn t’hawn isfel. Illejbilja d-disinn b’dawn il-kliem.
Irjieħ sħan              Irjieħ kesħin

d. L-għoli tal-art: Imkejjen ’il fuq ħafna minn wiċċ il‑baħar, bħall‑muntanji, ikunu kesħin ħafna. Fil‑fatt, it‑temperatura tonqos b’madwar 1ºC għal kull 100 metru għoli. Huwa propju għalhekk li l‑qċaċet ta’ muntanji għoljin ikunu dejjem miksija bis‑silġ.

5. Qis li:
• taf liema huma l-fatturi li jaffettwaw it-temperatura ,
• taf tispjega kif il-latitudni, id-distanza mill-baħar, l-irjieħ prevalenti u l-għoli tal-art jaffettwaw il-klima ta’ post.

6. Aħdem il-karta ‘Worksheet – Il-fatturi li jaffettwaw l-klima’. (tista’ issibha taħt riżorsi).
Waqt li qed taħdem il-worsksheet tista’ tirreferi ukoll għall-ktieb ‘Id-dinja Darna 3’ paġni 12-13.

Worksheet-Il-fatturi-li-jaffettwaw-l-klima-ba7e2a056fe93ef556e8b9a144ce8e1a.pdf

7. Wara tista’ tiċċekkja xogħolok billi tħares lejn ‘Tweġibiet – Il-fatturi li jaffettwaw l-klima’ ħalli tkun taf kif mort. (tista’ issibha taħt riżorsi)

Tweġibiet-Il-fatturi-li-jaffettwaw-l-klima-7551732815f1374813a8e32dbc5fa9f4.pdf

8. Fil-lezzjoni li jmiss se nitgħallmu dwar il-proċessi li bihom tifforma u tagħmel ix-xita.

All the resources you need to carry out this lesson at home:

Featured Video of the lesson:

Discuss or Ask Questions about this lesson:

Leave a Comment

Share this lesson

If you enjoyed this, or think this is a great lesson, please feel free to share it on your social media tools.

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on whatsapp
WhatsApp